L-Għoti tal-mandat lill-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin fl-Iskejjel tal-Knisja

Il-pandemija għallmitna bosta affarijiet fosthom, il-ħtieġa li jkollna Ministri Straordinarji tat-Tqarbin imħarrġin sewwa fl-Iskejjel tal-Knisja.

Għal dan il-għan, stedinna lill-Provinċjali jew Delegati tal-Ordinijiet reliġjużi li lilhom jappartjenu l-iskejjel sabiex flimkien mal-Kapijiet tal-Iskejjel, jistiednu persuni  adattati sabiex joffru  dan is-servizz ta’ Ministri Straordinarji tat-Tqarbin fl-iskejjel jew kulleġġi fejn jgħallmu.  Għaldaqstant fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Provinċjali  u/jew Delegati, u ta’ żewġ saċerdoti, 45 edukatur/edukatriċi minn 17-il skola aċċettaw din l-istedina. 

Bi tħejjija għal dan il-ministeru, dawn l-edukaturi  kellhom  jagħmlu kors imħejji tajjeb ħafna mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.  

Id-data magħżula għall-għoti tal-Mandat kienet it-22 ta’ Ġunju. Iċ-ċerimonja li saret fil-Bażilika Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta,  kienet ippreseduta  mid-Delegat tal-Arċisqof għall-Iskejjel tal-Knisja, Rev Dr Charles Mallia, O.Carm. 

Kien mument sabiħ ħafna.  Ċerimonja sinifikattiva ħafna.  Fr. Charles fakkarna fil-ħtieġa tal-Ewkaristija fil-ħajja tagħna, fakkarna li hija l-pern tal-fidi tagħna, is-sostenn tal-Poplu t’Alla. Fakkarna ukoll fl-imħabba kbira li kellu għall-Ewkaristija l-Beatu Carlo Acutis, żgħażugħ Taljan li  għadda l-ħajja qasira tiegħu ixerred il-qima u d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija. 

Kienet okkażjoni memorabbli għas-settur edukattiv tagħna.  Minn qalbi nawgura lil dawn il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin ġodda, li jkomplu  jsaħħu fihom id-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u li jwettqu dan is-servizz qaddis bl-akbar rispett u ħeġġa kif jixraqlu.

 

Sr Alexandra Chircop,fcj,

Service Manager for Pastoral Care

Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija.