Il-ħidma kollaborattiva tal-għalliema tal-Malti

Matul is-sena skolastika 2021-2022, grupp imdaqqas ta’ għalliema tal-Malti mill-Iskejjel tal-Knisja u grupp ta’ għalliema minn skola indipendenti, ħadmu flimkien bħala parti mit-tħejjija għas-sillabu taċ-ĊES il-ġdid, kemm fuq il-letteratura u kif ukoll il-metalingwa.

Hekk kif ġiet ippubblikata l-antoloġija letterarja Hemm Art fil-Folja, li se tkun parti mis-sillabu l-ġdid taċ-ĊES, bosta għalliema wrew ix-xewqa li jingħaqdu u jaħdmu fuq l-analiżi tax-xogħlijiet letterarji. Din ma kinitx l-ewwel darba li dawn l-għalliema ħadmu flimkien, fil-fatt, meta fl-2014 ħarġet l-antoloġija Bejn Ħaltejn, l-għalliema kienu ngħaqdu wkoll. Għalhekk twieled il-grupp “Deċiżi 2”, wara li l-ewwel wieħed, “Deċiżi 1” kien mar tajjeb ħafna. Il-ħidma f’dan il-grupp kienet kollha kemm hi volontarja, u l-għalliema ltaqgħu wara l-ħin tal-iskola biex jippreżentaw xogħolhom u jkomplu bid-diskussjoni mal-għalliema l-oħra. Il-laqgħat saru kollha fuq TEAMS u l-attendenza għalihom kienet dejjem numeruża.

L-għan kien li kull dipartiment mill-iskejjel li pparteċipaw, janalizza xogħol letterarju wieħed, u jippreżentah lill-bqija tal-għalliema. Waqt il-preżentazzjoni, l-għalliema setgħu jkomplu jiddiskutu u jarrekkixxu l-esperjenza letterarja tagħhom bħala edukaturi. Inħoloq spazju fejn l-għalliema setgħu jkomplu jikbru b’mod professjonali fl-analiżi tal-letteratura magħżula u jaħsbu f’modi differenti kif jistgħu jtejbu l-esperjenza letterarja tal-istudenti wkoll. L-għalliema kollha li ħadu sehem għamlu biċċa xogħol tajba u professjonali. Il-preżentazzjonijiet mhux biss kienu dettaljati, iżda b’għadd ta’ riżorsi awdjoviżivi wkoll u l-livell kien għoli ħafna.

Wara l-preżentazzjonijiet, l-għalliema kienu jkomplu bid-diskussjoni fuq ix-xogħol letterarju; ir-relevanza għall-istudenti tagħna; modi differenti kif nistgħu nilħqu lill-istudenti; u diskussjonijiet fuq is-siwi tal-letteratura fil-klassijiet. Il-laqgħat kienu jkunu informali u bejn l-għalliema nħolqot sinerġija sabiħa ħafna. Din il-ħidma sarrfet f’komunità ta’ għalliema professjonali li jaqsmu l-ħidma tagħhom bejniethom u li lesti wkoll biex ixerrdu l-ħidma tagħhom hemm barra. Fil-fatt wara li jitlesta x-xogħol, l-għalliema setgħu jgħaddu l-ħidma tagħhom lill-Kapijiet tad-Dipartiment biex dawn itellgħu l-preżentazzjonijiet fuq is-sit www.maltikurja.com. Il-preżentazzjonijiet inġabru wkoll fuq TEAMS biex l-għalliema li pparteċipaw ikollhom aċċess dirett għalihom.

L-għalliema xtaqu jaħdmu flimkien fuq riżorsi tal-metalingwa ħalli jiffaċilitaw it-tagħlim tagħhom matul is-sena li jkunu qed jimplimentaw is-sillabu l-ġdid. Għaldaqstant id-dipartimenti kollha tal-Malti fl-iskejjel tal-Knisja u skola oħra indipendenti ngħaqdu u fasslu erba’ taħriġiet kull wieħed. Imbagħad id-dipartimenti ngħaqdu f’pari, raw ix-xogħol ta’ xulxin u taw ir-rispons tagħhom. B’hekk bħala komunità ta’ professjonisti daħlu f’diskussjoni bejniethom u vverifikaw ix-xogħol ta’ xulxin.

Din il-ħidma kienet koordinata mill-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija.