STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-ISKEJJEL TAL-KNISJA JAWGURAW LI JIĠI KONKLUŻ IL-FTEHIM TAL-EDUKATURI


STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT GĦALL-EDUKAZZJONI KATTOLIKA U L-ASSOĊJAZZJONI TAL-ISKEJJEL TAL-KNISJA


Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u l‑Assoċjazzjoni għall‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) jappellaw sabiex tinstab soluzzjoni bejn il-partijiet kollha involuti, jiġu konklużi n‑negozjati u b’hekk jiġi ffirmat il‑ftehim kollettiv il‑ġdid għall‑edukaturi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja. Dan wara li fil-jiem li għaddew saru kummenti fil-pubbliku u anke dehru rapporti fil-media li jistgħu jxekklu il-proċess.


Is-Segretarjat u s-CSA qed isegwu mill-qrib l-iżviluppi fin-negozjati bejn il-Gvern u l-Malta Union of Teachers (MUT) u jirringrazzjawhom tal-isforzi u l-impenn tagħhom. Din hi l-ewwel darba li l-Iskejjel tal-Knisja qed ikunu kkonsultati f’mumenti partikolari tul il-proċess ta’ negozjati, pass importanti li l-Iskejjel jisħqu li għandu jkompli jinbena fuqu għall-benefiċċju tal-edukaturi u l-istudenti.


Id-dettalji ppreżentati lill-membri tal-MUT il-ġimgħa li għaddiet juru li l-partijiet involuti rnexxielhom jaqblu dwar ħafna aspetti, partikolarment f’titjib sostanzjali fid-dħul tal-gradi tal-edukaturi.


L-għan ewlieni ta’ dan il-ftehim, qalu s-Segretarjat u s-CSA, hu li jissaħħaħ b’mod sinifikanti l-pakkett finanzjarju għall-edukaturi kollha, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti tal-edukaturi fis-sistema edukattiva kif ukoll fis-soċjetà.